ONE.COM.MT •
Tressaq il-Qorti b’taħrika Matthew Grech, li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “eks gay” li, fi kliemu, ikkonverta għall-eterosesswalità permezz tat-twemmin Nisrani tiegħu. Miegħu tressqu wkoll id-diretturi tal-aġenzija PM News, Mario Camilleri u Rita Bonnici, li wrew b’mod dirett xandira li matulha Grech ippromwova l-prattika illegali tat-terapija tal-konverżjoni għal persuni gay.
It-tliet persuni ġew mixlija li kisru l-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, u l-Espressjoni tal-Ġeneru billi rreklamaw it-terapija tal-konverżjoni.
Jekk jinstabu ħatja, qed jiffaċċjaw sentenzi potenzjali ta’ ħabs sa 5 xhur, flimkien ma’ multa ta’ bejn €1,000 u €5,000.
L-avukat Emmy Bezzina, f’isem Mario Camilleri u Rita Bonnici, sostna li dan huwa każ ikkumplikat, filwaqt li oġġezzjona li l-klijenti tiegħu jiġu akkużati flimkien ma’ Grech. Huwa sostna li m’għandhomx jinżammu responsabbli għal dikjarazzjonijiet li saru minn xi ħadd ieħor, u talab li l-każijiet ikunu separati.
L-Avukat Cedric Mifsud, li deher għall-parte civile flimkien mal-avukat Ian Barbara, irrimarka li l-akkużati kienu dehru lkoll fuq l-istess programm. Sostna li s-separazzjoni tal-każijiet ma tgħin xejn fil-kors tal-ġustizzja, u tirriżulta biss f’dewmien biex jinstema’ l-każ.
Il-Maġistrat Monica Vella osservat li Matthew Grech kien ippreżenta rikors ilbieraħ filgħaxija, li fih talab li xi xhieda tad-difiża jixhdu permezz ta’ video link. It-talba għall-video conferencing ġiet finalment miċħuda mill-Maġistrat.
Il-Qorti qalet lill-avukat Bezzina li x-xhieda tiegħu kienu se jinstemgħu kollha f’seduta waħda.
Il-każ ġie differit għal Ġunju, meta l-Qorti se tisma’ lix-xhieda tad-difiża kollha.
Grupp żgħir ta’ individwi mill-organizzazzjoni Kristjana evanġelika River of Love u mill-partit tal-lemin estrem ABBA nġabru quddiem il-Qorti jkantaw b’appoġġ għall-akkużati.
Негізгі бет AKKUŻATI LI PPROMWOVEW IL-PRATTIKA ILLEGALI TAT-TERAPIJA TAL-KONVERŻJONI
Пікірлер: 2